Il-Programm Erasmus+ tal-Unjoni Ewropea hu skema li tiffinanzja u tassisti attivitajiet fl-oqsma tal-edukazzjoni, t-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport.
Il-Programm hu magħmul minn tlett hekk imsejħa “Azzjonijiet Ewlenin” u żewġ azzjonijiet oħra.
Il-Proġett HerpTrust jagħmel parti mit-tieni azzjoni ewlenija: Kooperazzjoni għall-Innovazzjoni u l-iskambju ta’ prattiċi tajbin.
Il-Kummissjoni Ewropea hi responsabbli mill-politika tal-Erasmus+ u tissorvelja l-implementazzjoni kollha tal-programm.
L-ispeċi tal-Erpetofawna (ir-rettili u l-amfibji) bħalissa huma fost l-iktar speċi f’periklu fid-dinja. In-numri tagħhom qed jonqsu kemm minħabba it-tibdil fil-klima, kif ukoll minħabba għadd ta’ theddid marbut mal-bniedem, bħall-persekuzzjoni, tniġġis, u tħarbit tal-ħabitat tagħhom.
L-erpetofawna jeħtieġu bilanċ sensittiv fit-temperatura u biex jilħqu dan huma jużaw kemm is-sħana kif ukoll il-kesħa minn sorsi esterna (bħax-xemx u d-dell). It-tibdil fil-klima se jġegħelhom jew jaddattaw l-attivitajiet tagħhom ta’ kuljum, jekk il-ħabitat tagħhom preżenti joffri din ir-reżiljenza, jew inkella jkollhom jaħarbu lejn postijiet iktar fl-għoli, għażla li mhix possibbli fi gżejjer żgħar bħal Malta u Ċipru.
Apparti minn hekk, ħafna nies ma jagħrfux l-importanza tal-erpetofawna għall-ambjent u lanqas huma kapaċi jagħrfuhom. Meta ma tkunx kapaċi tagħraf ir-rettili, b’mod partikolari s-sriep velenużi minn dawk li mhumiex velenużi, dan iwassal għal biża’ irrazzjonali mis-sriep, anke minn speċi li ma jagħmlux ħsara, li mbagħad iwassal għal persekuzzjoni bla bżonn.
Fl-aħħarnett, l-iżvilupp bla kontroll u l-espansjoni bla waqfien tal-ibliet u tax-xibka tat-toroq, u l-intensifikazzjoni tal-agrikoltura, qed jagħmlu ħsara irriversibbli u jħarbtu l-ħabitat meħtieġ għall-ispeċi tal-erpofawna. Hawn bżonn urġenti ta’ azzjonijiet immirati li jikkonservaw u li jipproteġu l-iktar speċi mhedda tal-erpetofawna.
B’xorti tajba dawn l-azzjonijiet ta’ konservazzjoni mhux bilfors ikunu kbar jew jeħtieġu ħafna spejjeż. Borġ ġebel żgħir mal-ġenb ta’ għalqa jew għadira żgħira artifiċjali biex tipprovdi l-ilma u fejn joqogħdu, ukoll jistgħu jagħmlu differenza enormi biex isaħħu r-reżiljenza tal-bijodiversità (inklużi l-ispeċi tal-erpetofawna) kontra t-theddid li ġej mill-klima u mill-bniedem.
Dan il-proġett, filwaqt li jislet il-problemi hawn fuq deskritti, għandu l-għan li jgħin biex itejjeb ir-reżiljenza tal-bijodiversità billi jindokra u jippromwovi l-interazzjonijiet pożittivi bejn il-Bniedem u l-Erpetofawna. Dan permezz ta’ edukazzjoni għall-adulti dwar l-erpetofawna, għaċ-ċittadini u għal dawk fl-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali. Il-Professjonisti li jgħixu u jaħdmu man-natura (per eżempju, bdiewa, rgħajja u kaċċaturi), u li jkunu f’kuntatt regolari mal-ispeċi tal-erpetofawna, huma tassew il-maniġers taż-żoni rurali. Huma verament jistgħu jagħmlu d-differenza, billi jieħdu ħsieb l-ispeċi tal-erpetofawna u l-kumplament tal-bijodiversità.
Inħejju kors tat-tagħlim onlajn dwar l-interazzjonijiet bejn il-Bniedem u l-Erpetofawna - L-ewwel attività
Niżviluppaw għodda interattiva onlajn li tgħin lill-maniġers taż-żoni rurali jżommu ruħhom kontinwament aġġornati dwar l-ispeċi tal-erpetofawna fiż-żona tagħhom kif ukoll biex huma jagħtu sehemhom permezz ta’ pjattaforma tax-xjenza għaċ-ċittadini - It-tieni attività
Nipproduċu pakkett onlajn ta’ replikabbilta’ għall-attivitajiet edukattivi u ta’ taħriġ marbuta mal-interazzjonijiet bejn il-Bniedem u l-Erpetofawna - It-tielet attività
Nitħaddtu mal-gruppi magħżula u nżidu r-rata ta’ involviment billi norganizzaw żewġ attivitajiet multiplikaturi, waħda f’Ċipru u oħra f’Malta - Ir-raba’ u l-ħames attività.
Permezz tal-objettivi, il-proġett HerpTrust jħalli lil dawk li jipprovdu t-taħriġ edukattiv vokazzjonali jsawru attivitajiet edukattivi u ta’ taħriġ marbuta mal-interazzjonijiet bejn il-Bniedem u l-Erpetofawna. L-ewwel attività tippromwovi l-interazzjonijiet pożittivi bejn il-Bniedem u l-Erpetofawna permezz ta’ korsijiet edukattivi filwaqt li t-tieni attività se tagħti l-opportunità lil dawk li għandhom sehem, li jipparteċipaw fl-interazzjonijiet pożittivi bejn il-Bniedem u l-Erpetofawna billi jużaw għodda onlajn. Il-pakkett onlajn ta’ replikabbilta’ maħluq fit-tielet attività se jgħin l-interazzjonijiet pożittivi bejn il-Bniedem u l-Erpetofawna permezz ta’ ġabra ta’ riżorsi u materjal ieħor. Mill-ewwel sat-tielet attività se kunu imwettqa kemm f’Malta kif ukoll f’Ċipru u se jkunu promossi permezz ta’ żewġ attivitajiet multiplikaturi lokali.